November 05, 2009

BLIET – Xbihat mill–isbaħ tar–ruħ urbana


BLIET, l-antoloġija l-ġdida ta' Norbert Bugeja, issa tinsab għall-bejgħ fil-ħwienet tal-kotba ewlenin f'Malta. 

Il-poeżija ta' Norbert Bugeja (1980) tirrappreżenta l-ġenerazzjoni ġdida li qed tikteb il-poeżija bil-Malti fil-bidu tas-seklu wieħed u għoxrin. Norbert jikteb dwar persuni differenti ħafna minn xulxin huma u għaddejjin b'ħajjiethom f'għadd ta' bliet u fl-irħula li jsawru l-Mediterran. Il-poeżija tiegħu taqbad fiha l-faxxinu tal-vjaġġ, it-tiftixa għall-istejjer mhux tas-soltu li jinsabu moħbijin wara l-ħitan ħoxnin, is-sqaqien it-toroq u l-wesgħat ta' l-ispazju urban - sew jekk hija belt antika mehdija fi skietha, kif ukoll jekk hi triq mgħobbija bi ġrajjiet jgħajtu huma u jfittxu l-hena u s-serħan.


Il-proġett Bliet għalhekk jibda mis-silenzji li jsawru l-ibliet, sew dawk li ngħixu fihom ta' kuljum kif ukoll dawk li ngħixu mitt darba aktar fina nfusna. L-ewwel is-skiet perfett, il-ħemda li twaħħxek f'nofs il-pjazza, is-sikta tar-ragħwa li tibqa' tistaqsi hi u tinxef ġo tazza tal-birra f'nofs każin, il-ħarsiet bla kliem li jittawlu mit-twieqi bħal qtates għassiesa għall-avventura li jmiss. Imbagħad toħroġ l-ewwel frażi, eku ta' ġrajja li f'moħħ xi ħadd ingħexet diġà. Imbagħad ftit ftit tintqal kelma oħra, bis-serqa, tnejn, tlieta, erbgħa. Imbagħad tisplodi l-poeżija.

Fl-introduzzjoni estensiva li kiteb ghal Bliet, il-kritiku u poeta Dr Adrian Grima jgħid li 'hemm enerġija mqarba f'dawn it-toroq u l-imkejjen ta' Norbert Bugeja. L-istejjer f'dawn il-poeżiji "tilmaħhom" jiġġerrew bla kwiet fix-xaqq seduċenti bejn il-lingwa stabbilita li qiegħda hemm, kullimkien, tittawwal lejk mingħajr ma tista' taħfinha bħalma taħfen b'għajnejk lil xi ħadd f'kantuniera, u l-lingwa stramba li jikkrea Norbert Bugeja b'intwizzjoni ġenjali li tixhed, fl-istess waqt, emozzjoni qawwija u kalkolu lingwistiku distakkat."

Bliet m'huwa xejn ħlief vjaġġ ma jaqtax f'kull rokna ta' l-ispazji li ngħixu fihom, għajdut miktub fi xbiha wara oħra li, bħal kull għajdut mirqum bis-sengħa, jaqtagħlek nifsek u jistiednek tfittex u dduq u tieħu aktar u aktar. Bugeja ma jħalli xejn bla mimsus. Bliet hi storja miktuba fuq seba' snin, djarju tar-ruħ urbana li se jdawrek mat-turġien, il-fdaljiet, l-isqaqien, il-kumplessi kummerċjali, l-areni, ix-xmajjar u l-bajjiet, is-skiet ta' barra u l-ġenn ta' ġewwa. Mill-Belt sa Cordoba, minn Ruma sa Sevilja u Tanġier, mill-Birgu tal-moħħ sad-Diju Balli tar-ruħ, Bliet hi sensiela ta' ritratti meħuda b'reqqa kbira u maħduma fi xbihat li mhux faċli li tinsihom. Insomma, awtopsja ta' l-intern imħallat, ħiemed u kaotiku tal-belt. 

Bliet. Il-ġrajja tibda hawnhekk. U se tieħdok fejn se teħodha. U se tieħdok fejn ma tridx.

Il-vjaġġ it-tajjeb.



- No comments Not publicly viewable


Add a comment

You are not allowed to comment on this entry as it has restricted commenting permissions.

November 2009

Mo Tu We Th Fr Sa Su
Oct |  Today  |
                  1
2 3 4 5 6 7 8
9 10 11 12 13 14 15
16 17 18 19 20 21 22
23 24 25 26 27 28 29
30                  

Search this blog

Galleries

Most recent comments

  • Dear Norbert, this Friday the 13th of June 2008 at 8.00pm there shall be a meal organized for blogge… by Sandro Vella on this entry
  • The blog post "After the last sky, the sprawling outrage. This." is featured on Maltamedia: The Malt… by Sandro Vella on this entry
  • A few years ago Hugh Masekela sang… Everything must change, nothing is for ever What is it that ma… by Robert O'Toole on this entry
  • "The natural course of action for the Maltese writer today is to shun the shallowness of provincial … by Antoine Cassar on this entry
  • Hmm, well I have to begin by saying that I don't know enough about Bhabha or Pratt's theorisations s… by Charlotte Mathieson on this entry

Blog archive

Loading…
Not signed in
Sign in

Powered by BlogBuilder
© MMXVII